Il-Prim Ministru Robert Abela żar ir-ristorant Aqua Roma fi New York, fejn iltaqa’ max-chef eżekuttiv Għawdxi Giovann Attard u mat-tim ta’ ħaddiema tar-ristorant.
Matul iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem ma’ Giovann Attard dwar il-mixja professjonali tiegħu, l-esperjenzi li kiseb barra minn Malta u l-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-kċina Taljana ta’ Aqua Roma.
Il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità jdur ir-ristorant u jiltaqa’ u jitkellem mal-ħaddiema li jagħmlu parti mit-tim tiegħu.
Giovann Attard, li ġej mir-raħal tal-Għarb f’Għawdex, beda l-mixja tiegħu fil-qasam kulinari meta kellu 16-il sena. Tul il-karriera tiegħu kiseb esperjenzi f’ristoranti u stabbilimenti prestiġjużi f’Malta, Londra u Dubai.
Illum huwa Chef Eżekuttiv ta’ Aqua Roma, fejn qed jintroduċi l-għeruq Mediterranji tiegħu fil-menu tar-ristorant fil-qalba ta’ Manhattan.
Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma u d-determinazzjoni ta’ Giovann Attard, li l-esperjenza tiegħu tirrifletti t-talent u l-professjonalità ta’ bosta Maltin u Għawdxin li qed jirnexxu lil hinn minn xtutna.
Huwa sostna li stejjer bħal dawn jimlew lil pajjiżna bi kburija u jkomplu jagħtu viżibbiltà lil Malta fix-xena internazzjonali.
“Is-suċċess ta’ Giovann huwa eżempju sabiħ tat-talent, id-determinazzjoni u l-professjonalità tal-Maltin u l-Għawdxin li qed jagħmlu isem għal pajjiżna madwar id-dinja. Permezz tal-ħidma tiegħu, Giovann mhux biss bena karriera ta’ suċċess, iżda stejjer bħal tiegħu jimlewna bi kburija u jispiraw lil żgħażagħ oħra biex jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom u jħarsu ’l quddiem b’ambizzjoni,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.
Għal din iż-żjara, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Chris Fearne, mill-Ministru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Dr Mark Mallia.